Edukazzjoni
Il-ħidma tiegħi, bejn l-1997 u l-2001, ma’ grupp ta’ nisa attivi fil-Kunsill Skolastiku ta’ l-Iskola Primarja ta’ L-Isla kienet esperjenza li għinitni niftaħ għajnejja għall-potenzjal kbir li dawn in-nisa Senglejani kellhom. Bl-għajnuna u d-direzzjoni ta’ Prof. Dr. Peter Mayo u Dr. Karm Borġ, li offrew is-servizzi tagħhom b’mod volontarju, dawn in-nisa kellhom rizultat pozittiv fit-titjib fil-mod ta’ kif l-iskola ta’ uliedhom kienet qed titmexxa. Din l-esperjenza swiet sabiex fis-Sajf ta’ l-2003 dan l-istess grupp ta’ nisa ikkollabora mal-Kunsill Lokali Isla fl-ippjanar u l-implementazzjoni ta’ proġett edukattiv għat-tfal u l-ġenituri tal-lokal. Dan il-proġett kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta.

Għaldaqstant, ġie deġiz sabiex il-bini ta’ Mara Mediterra jkun fl-Isla, f’post li bħalissa qed jiġi irranġat sabiex, minbarra l-uffiċini ta’ l-għaqda, jilqa’ wkoll l-Klabb tan-Nisa Senglejani ta’ Mara Mediterra. L-għanijiet ta’ dan il-klabb ser ikunu primarjament sabiex jift]u bibien ġodda għall-izvilupp personali u krejattiv ta’ dawn in-nisa tant straordinarji. |